Sunday, December 29, 2024

L-għeluq tal-edizzjoni tas-sajf ta’ Saving our Blue jagħti bidu għall-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli

Aqra wkoll

Mijiet ta’ nies inġabru fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, il-Ħadd filgħaxija, biex jiċċelebraw l-għeluq tas-sitt edizzjoni tal-kampanja tas-sajf Saving Our Blue.

L-avveniment ukoll inawgura l-Jiem ta’ Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta, li għandhom l-għan li jippromwovu u jqajmu kuxjenza dwar l-iżvilupp sostenibbli.

It-tema tal-avveniment, “Infasslu Flimkien il-Futur li Rridu”, iffukat fuq l-importanza li nippreservaw il-baħar u li jiżdied l-għarfien pubbliku dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

Il-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta se jsiru bejn it-18 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’aktar minn 30 attività u inizjattiva madwar Malta u Għawdex, organizzati minn entitajiet tal-gvern, organizzazzjonijiet volontarji, is-settur privat u individwi.

L-avveniment tal-Ħadd filgħaxija kien jinkludi għadd ta’ attivitajiet għal kull età. It-tfal gawdew minn rakkonti interattivi dwar il-konservazzjoni ambjentali u spettaklu ta’ pupazzi li enfasizza l-perikli tal-plastik li jintuża darba u l-iskart fil-baħar.

Klabbs tal-futbol lokali ngħaqdu mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (MFA) biex jorganizzaw turnament tal-beach soccer b’sitt timijiet, filwaqt li track tar-roti ppromwova għażliet ta’ trasport sostenibbli. Il-pubbliku seta’ jesperjenza ukoll qdif mal-kosta flimkien mal-Klabb tal-Qdif tal-Università ta’ Malta.

Rappreżentanti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Ambjent Malta, Saving Our Blue, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Circular Economy Malta, InterConnect Malta, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv Malta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u d-Dipartiment tal-Ġeoxjenza tal-Università ta’ Malta kienu preżenti biex jipprovdu informazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli u suġġetti varji ambjentali.

Dawn kienu jinkludu, fost oħrajn, l-impatt tal-plastik li jintuża darba, it-theddida ta’ speċi invażivi, it-tniġġis tad-dawl fil-baħar, u dwar kif wieħed jista’ jadotta stil ta’ ħajja sostenibbli filwaqt li nkunu konxji tal-ambjent ta’ madwarna.

Din is-sena, Saving Our Blue introduċa Virtual Reality (VR) Mobile Unit, li ppermettiet lill-viżitaturi jesploraw virtwalment is-seba’ żoni protetti tal-baħar ta’ Malta. L-inizjattiva organizzat ukoll diversi tindif, installat 52 ballot bins fil-bajjiet biex tnaqqas l-iskart ta’ sigaretti, u ħadet sehem f’diversi attivitajiet edukattivi.

B’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta, Saving Our Blue ospitat vjaġġi edukattivi bid-dgħajjes, mixjiet u sessjonijiet fil-Buskett Hub, fejn l-istudenti tgħallmu dwar l-iskart fil-baħar u l-importanza li nippreservaw in-natura. Barra minn hekk, permezz ta’ Skola Sajf u programmi oħra tas-sajf, kważi 450 tifel u tifla, ġew mgħallma dwar l-importanza li nipproteġu l-baħar u l-ekosistemi tal-baħar.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex isegwi ‘Saving Our Blue’ u ‘Sustainable Development Malta’ fuq il-midja soċjali biex jżommu ruħhom infurmati.

Ekonomija

Sport