Wednesday, December 25, 2024

L-International Telecommunications Union tagħżel lil Malta fost 194 pajjiż għal konferenza fuq l-innovazzjoni diġitali

Aqra wkoll

Malta tilqa’ aktar minn mitt delegat minn 194 pajjiż minn madwar id-dinja matul dawn it-tlett ijiem li ġejjin hekk kif ospitat il-konferenza tal-International Telecommunication Union (ITU), Global Innovation Forum 2024. Dan il-forum isservi ta’ pjattaforma għal aktar żvilupp ta’ ideat ġodda u soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ekosistemi tal-innovazzjoni diġitali.  It-tema għal din is-sena hija dwar il-futur diġitali għal ġid ta’ kulħadd, prinċipju li se jkun ukoll tema ċentrali għall-Viżjoni Malta 2050, u li juri l-impenn ta’ Malta biex tkompli tavvanza fil-qasam tal-innovazzjoni diġitali. 

Il-Forum ġie uffiċjalment miftuħ mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża, u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, u mid-Direttur tat- Telecommunication Development Bureau Cosmas Zavazava.          

Il-Ministru Silvio Schembri tkellem dwar l-impenn ta’ pajjiżna għall-innovazzjoni strateġika filwaqt li enfasizza li l-innovazzjoni minn dejjem kienet fil-qalba tal-identità ta’ Malta. “Il-ħitan fortifikati tal-Belt Valletta, iddisinjati sekli ilu, jirrappreżentaw mhux biss previżjoni militari iżda spirtu dejjiemi ta’ reżiljenza u tħejjija li nkomplu ninkorporaw illum.”

Waqt li rrifletta fuq is-sinifikat tal-forum, il-ministru żied jgħid, “Hu ta’ unur li l-ITU għażlet lil pajjiżna biex jospita l-Global Innovation Forum; juri kemm pajjiżna huwa avvanzat f’dan is-settur tal-innovazzjoni diġitali. Dan l-avveniment huwa xhieda tad-dedikazzjoni kontinwu ta’ Malta biex isawwar futur diġitali prosperu u inklużiv.” 

Ġie enfasizzat ukoll l-irwol ta’ pajjiżna fil-qasam diġitali, fejn Malta kienet l-ewwel pajjiż globalment li implimenta qafas legali għall-assi finanzjarji virtwali u stabbilixxiet AI sandbox.  Il-qafas legali għall-assi finanzjarji virtwali aktar tard ġew addottati mill-Unjoni Ewropea u għalhekk Malta b’mod konsistenti poġġiet ruħha minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni diġitali.  L-Awtorità ta’ Malta għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u d-Digital Innovation Hub (DiHubMT) li dalwaqt se jitnieda, jsaħħu l-impenn tagħna biex nagħtu s-setgħa lil start-ups u intrapriżi żgħar u medji biex jadottaw teknoloġiji avvanzati.

Pajjiżna għamel passi eċċezzjonali fl-infrastruttura diġitali li filfatt kiseb 100% fis-servizzi pubbliċi  diġitali, coverage 5G, u aċċess għan-netwerk ta’ veloċità għolja. L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jenfasizza li 80% tal-popolazzjoni ta’ Malta ssib li d-diġitalizzazzjoni kellha impatt pożittiv fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u qabeż il-medja tal-UE ta’ 73%. Flimkien, b’kollaborazzjoni nistgħu nfasslu futur ta’ prosperità għal kulħadd.

Ekonomija

Sport