Sunday, December 22, 2024

MA’ MIN TAGĦMILHA

Aqra wkoll

Saret parti mil-logħba politika llum li kull min jieħu sehem fiha jista’ jiġi kkritikat mhux għal x’għamel jew ma għamilx, imma wkoll għal x’għamlu jew setgħu għamlu dawk li jagħmilha magħhom.  

Xi tkopri l-frazi li “tagħmilha ma’ xi ħadd”? Li jkollok relazzjoni professjonali ma’ klijent? Għax allura l-avukati (imma mhux huma biss) għandhom problema enormi: l-biċċa l-kbira jagħmluha ma’ kriminali magħrufa jew le. Il-qawl: Għidli ma’ min tagħmilha u għidli min int… jolqothom bħal b’daqqa ta’ mazza.

Tkopri relazzjoni jew ħbiberija personali? Bla dubju. U hawn il-ħtieġa ta’ trasparenza sħiħa fit-tmexxija publika taħbat bil-kbir mar-rispett dovut lejn il-privazija tal-individwu. 

Bejn iż-żewġ estremi, issib firxa sħiħa ta’ kif tagħmilha ma’ xi ħadd. Għadna bogħod milli nsibu tassew kif se noħolqu regoli ċari, sodi għal kif dawn il-konnessjonijiet jistgħu jiġu regolati għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. 

Biss ġieli jqum is-suspett li fir-realtà, ħadd ma jixtieq li dil-ħaġa tissewwa. Min jaf għaliex.

LIĠI TAL-IVF

L-emendi li l-gvern ressaq dwar il-liġi tal-IVF jagħmlu sens. Li jittieħdu prekawzjonijiet biex f’ċerti każi definiti tajjeb, il-ħolqien tal-ħajja ma jġorrx fih biss il-qerda tal-maħluq – u dan billi jiżguraw li l-ħolqien ma jitwettaqx – hi azzjoni li sseddaq il-valur tal-ħajja. L-ispjega dinjituża u umana li ta l-Prim ministru Abela meta tkellem fil-Parlament dwar dil-liġi poġġiet il-proposti għall-bidla fl-aqwa perspettiva.

Min-naħa l-oħra, il-gvern irid joqgħod b’seba’ għajnejn biex jiżgura wkoll li dawn il-proposti bl-ebda mod ma jammontaw għal ċaqliqa lejn xi politika ewġenika.  Hemm min lest jipproġetta dil-karikatura giddieba u malizzjuża ta’ li qed jiġi suġġerit bil-għan li jwerwer lill-erwieħ tajba.

FUQ U ISFEL 

Il-fehma li l-liġijiet jiġu applikati b’mod differenti skont min jinsab fuq u min isfel hi mifruxa sew. Ikolli ngħid li hemm ħafna x’juri li mhijiex daqstant żbaljata. Veru li hemm bravi li jipprovaw jgħidulna kif din hi xiħaġa tal-lum – għax qatt ma ġrat qabel. X’ridikolaġni!

Li ma jfissirx li kienet tajba jew ħażina lbieraħ, u baqgħet l-istess illum.

Irridu nistaqsu għaliex kienet u għadha daqshekk prevalenti… bħala fehma… bħala realtà. L-agħar hu li l-biċċa tiġri waqt li minn barra jibqgħu jinżammu l-proċeduri – jew forsi aħjar – ir-ritwali tal-legalità. 

Il-fatt hu li ħafna minn dawk li jiksru l-liġi minn “isfel” u jinqabdu, jekk ma jkollhomx protezzjoni speċjali, jispiċċaw ipattu fl-aħħar ta’ għemilhom.

Mentri oħrajn “minn fuq” li jġorru l-istess żbalji donnhom jgħixu b’barka speċjali li tipposponi l-ħaqq li jixirqilhom sa meta ma jkunx għadu jiswa aktar.

Ekonomija

Sport