Sunday, December 22, 2024

Nannu jeħel erba’ snin ħabs wara li kkorrompa lin-neputija ta’ 4 snin

Aqra wkoll

Raġel kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa lin-neputija.Huwa kien mixli li wettaq dawn l-atti sesswali fit-8 ta’ Awwissu 2019, fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel.

It-tifla kienet fetħet qalbha ma’ missierha meta dawn kienu marru fuq vaganza bil-vapur flimkien mal-kuġini tagħha, maz-zijiet u man-nanniet. F’din il-vaganza, hija qagħdet fil-kamra mal-ġenituri tagħha u ħuha.

Lil missierha hemmhekk kienet qaltlu li kellha “sigriet” li kien li n-nannu tagħha kien joqgħod jurilha l-parti privata tiegħu meta kienu jkunu d-dar tiegħu u kien jgħidilha wkoll biex tagħmel il-parti tagħha ma tiegħu iżda hi kienet tirrifjuta. Tgħid li dan seħħ madwar 10 darbiet u dejjem fid-dar tan-nannu.

Min-naħa tiegħu, l-imputat ċaħad li kien abbuża lin-neputija u allega li darba kien qed jinħasel u hi daħlet u qabditlu l-parti privata. Fuq domanda tal-uffiċjal prosekutur li rreferiet għall-istqarrija tiegħu meta qal li kien jaqbdilha l-parti tagħha u jgħarraxha biex jaraha tidħaq, huwa nnega li kien jaqbdilha l-parti tagħha imma żaqqha.

Minkejja dan, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma emmnitx il-verżjoni tal-imputat imma dik tat-tifla. Dwar il-piena, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li hi konxja tal-fatt li l-imputat għandu età konsiderevoli, iżda hi konxja tal-fatt ukoll li huwa tradixxa d-dover li kellu lejn in-neputija u minflok ħa ħsiebha, ħa vantaġġ tal-età tenera tagħha u kkorrompieha.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li kkundannatu piena ta’ erba’ snin priġunerija filwaqt li poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal żmien sentejn.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat ukoll li isem l-imputat jitpoġġa fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.

Ekonomija

Sport