Monday, May 4, 2026

“Nemmen f’politika ta’ mħabba u mhux ta’ mibegħda” – Omar Rababah

Aqra wkoll

Omar Rababah wieġeb għall-kummenti ta’ mibegħda li rċieva fl-aħħar sigħat wara li ħabbar li se jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista, fejn insista li huwa jemmen f’“politika ta’ mħabba, mhux ta’ mibegħda”.

F’intervista esklussiva ma’ dan il-ġurnal, Rababah qal li kien qed jantiċipa dawn it-tip ta’ kummenti meta ħabbar il-kandidatura tiegħu. “Irċevejt ammont ta’ kummenti dispreġġjativi imma rċevejt ħafna aktar kummenti ta’ kuraġġ u ta’ sapport. Naħseb li din hija parti minn kampanja orkestrata minn xi gruppi għax forsi qed idejjaqhom il-potenzjal tiegħi li nattira votanti ġodda mal-Partit Laburista.”

Rababah, ħaddiem soċjali u attivist vokali, ħabbar il-kandidatura tiegħu mal-Partit Laburista nhar is-Sibt, fejn qal li ntalab jagħmel dan mill-Prim Ministru Robert Abela.

“Nixtieq inkun il-politiku li dejjem stennejt li jkunu l-politiċi. Mhux se nwiegħed il-perfezzjoni, għax żgur m’iniex perfett. Inwiegħed ġenwinità u lealtà lejn dak li nemmen fih,” huwa qal.

Minn meta ħabbar l-intenzjonijiet politiċi tiegħu, Rababah kellu jiffaċċja mewġa ta’ kummenti razzisti u ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali, b’xi wħud jinsistu li raġel Musulman għandu jiġi pprojbit milli jikkontesta l-politika lokali. 

B’reazzjoni għall-kummenti ta’ mibegħda, il-Prim Ministru Robert Abela esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ Rababah li ddeskriva bħala “ħabib”. “Grazzi tal-kuraġġ tiegħek. Aħna warajk,” qal Abela lill-folla fir-rally tal-massa fin-Naxxar nhar il-Ħadd.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li Omar Rababah huwa attivist, onest, integru u Malti bħal kull wieħed u waħda minna. Qal li bħala Partit, jemmnu f’soċjetà miftuħa u fl-inklużjoni.

“U nemmnu li din il-gżira tagħna, Malta, għandha tilqa’ u toffri opportunitajiet lil kull wieħed minn uliedha.

“Dan mhux slogan għalina. Dan hu min aħna,” qal Dr Sciberras.

Kien għalhekk li kkundanna bis-sħiħ lil dawk li, minħabba l-għamad u l-kattiverija, ippruvaw iċekknu l-valur ta’ Omar.

“Omar, inti wkoll Malta.

“Ejja, flimkien, naħdmu għall-Malta li nemmnu fiha,” temm jgħid il-President tal-PL.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport