Hekk kif għaddejjin ġmielhom il-preparamenti b’rabta mal-istaġun tal-opri, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħejja programm marbut ma’ dan il-ġeneru, mifrux fuq xahar sħiħ.
Waqt żjara fit-teatri ewlenin fil-Belt Victoria, il-Ministru Clint Camilleri segwa mill-qrib il-ħidma li tkun għaddejja minn wara l-kwinti, biex l-opra titella’ f’Għawdex, sena wara l-oħra.
“L-opra f’Għawdex hija assoċjata ma’ xenarju u kostumi mill-isbaħ prodotti lokalment minn bosta artisti, ħajjata u voluntiera Għawdxin. Xogħol li jirrifletti l-imħabba u l-passjoni li dawn il-voluntiera għandhom għal dan l-istil ta’ mużika. Iżda mhux biss, ħejjejna xahar sħiħ ta’ attivitajiet marbuta mal-opra hekk kif Għawdex, u partikolarment ix-xahar ta’ Ottubru, stabbilixxew ruħhom bħala id-destinazzjoni operistika f’pajjiżna,” sostna il-Ministru Camilleri.
L-attrazzjonijiet ewlenin marbuta ma’ dan il-programm ta’ din is-sena huma Il Trittico ta’ Giacomo Puccini u Giovanna d’Arco ta’ Giuseppe Verdi. Il Trittico se tittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora fit-12 ta’ Ottubru, trio ta’ opri ta’ att wieħed. Filwaqt li Giovanna d’Arco se tittella’ fit-Teatru Astra fl-24 u 26 ta’ Ottubru, u se timmarka r-ritorn tagħha għall-udjenzi wara aktar minn 170 sena, meta kienet ittellgħet għall-ewwel u l-aħħar darba f’Malta, fir-Royal Opera House, fl-1852.
Il-programm kollu abbinat ma’ dan ix-xahar ta’ attivitajiet marbuta mal-opri jista’ jiġi aċċessat minn din il-ħolqa: https://eventsingozo.com/opera-is-gozo-2024/