Il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex ifittxu l-għaqda, aktar milli jaqsmu l-popolazzjonijiet tagħhom għal gwadann politiku, u qal li dawn iridu jiġġieldu kemm jifilħu għall-paċi. Huwa ddikjara dan f’diskors li għamel fil-bidu taż-żjara tiegħu fi Spanja.
Il-midja internazzjonali rrapportat li l-Papa qed jagħmel l-ewwel żjara tiegħu f’pajjiż tal-UE, apparti l-Italja, fejn fost l-oħrajn se jiltaqa’ ma’ nies bla saqaf fuq rashom f’Madrid u migranti fil-Gżejjer Kanarji. Il-Papa, li kien f’kunflitt mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump b’rabta mal-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni u l-gwerra fl-Iran, fisser li din iż-żjara kienet immirata biex tagħti eżempju ta’ rispett lejn “kull bniedem”.
Fiż-żjara tiegħu, il-Papa mistenni wkoll jiltaqa’ ma’ persuni li sofrew abbuż sesswali minn membri tal-kleru fil-Knisja Kattolika Spanjola. Huwa qal li se jiltaqa’ ma’ ftit minn dawn il-vittmi fejn ammetta li “l-abbużi għadhom ferita miftuħa”.
Intant, eluf ta’ persuni nġabru fit-toroq ewlenin tal-kapitali Spanjola, Madrid, biex jilqgħu lill-Papa Ljun XIV. Din kienet l-ewwel darba li Papa qed iżur Spanja mill-2011. Matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fin-numru ta’ persuni li jidentifikaw ruħhom bħala Kattoliċi fi Spanja, b’28.8% taż-żgħażagħ iqisu ruħhom bħala tali fl-2025, meta mqabbel mas-17.6% fl-2010.
Il-Papa huwa mistenni li jagħmel mal-20 diskors matul iż-żjara tiegħu, b’temi li jenfasizzaw l-empatija għall-migranti u r-rikonoxximent ta’ dak li huwa jgħid li “d-dinja li qed tibki mill-fond tagħha għall-paċi.”
Il-Papa ssuġġerixxa wkoll li t-teknoloġija u l-midja soċjali qed ikollhom rwol f’dak li sejjaħlu “tisħiħ tad-diviżjonijiet” u qed jipprevjenu lis-soċjetà milli tagħmel riflessjoni serja fuqha nfisha. Dan l-aħħar, il-Papa nnifsu ħareġ ittra ffukata fuq il-perikli tal-intelliġenza artifiċjali, li tissuġġerixxi li l-umanità kienet f’salib it-toroq morali hekk kif it-teknoloġija tal-AI avvanzat ’il quddiem b’rata mgħaġġla.


