Monday, December 23, 2024

STABBILTÀ – Dejjem tarka għan-nies

L-Avukat Marija Sara Vella Gafà - Sindku tal-Gudja u Kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Qegħdin nagħtu prova oħra ta’ kemm il-Gvern Laburista huwa gvern viċin in-nies, gvern li jisma’ lin-nies u jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn biex ikun it-tarka tagħhom f’kull ċirkustanza li tinqala’.

L-inflazzjoni li qed tiffaċċja d-dinja kollha wara sensiela ta’ kriżijiet internazzjonali li żgur pajjiż żgħir bħal tagħna m’għandu l-ebda kontroll fuqhom, hija xokk għal kulħadd. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi li magħhom aħna għandna l-aktar relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, irrenjat il-politika tas-suq isuq, u ħallew il-prezzijiet ta’ kollox, partikularment tal-enerġija u ta’ l-aktar affarijiet essenzjali jkollhom il-prezz tagħhom determinat mis-suq.

Dan wassal għal tbatijiet kbar għal ħafna popli, partikularment dawk l-aktar vulnerabbli. Prezzijiet tal-enerġija splodew ma’ kullimkien, f’xi każi kien hemm prezzijiet ta’ fuels u kontijiet tad-dawl, ilma u gass li irduppjaw. L-istess ġara f’ħafna prodotti tal-ikel, fosthom dawk ġejjin miċ-ċereali.

Pajjiżna huwa tassew fortunat li f’dan il-mument ta’ kriżijiet internazzjonali daqstant gravi, kellu jkollu Gvern Laburista li b’fiduċja qawwija mill-elettorat għażel it-triq li jkun it-tarka tal-poplu u jilqa’ għal dan l-għawġ kollu billi jissussidja kull fejn kien hemm bżonn.

B’direzzjoni ċara u għaqlija waqt il-pandemija l-Gvern ħadem biex ħalla r-rota ekonomika għaddejja bis-sussidji ta’ miljuni kbar ta’ Ewro f’pagi għall-ħaddiema. Dan kien l-ewwel patt soċjali li ħalla frott kbir. Dan ippermetta li n-negozji jibqgħu fuq saqajhom u jkunu lesti biex meta tgħaddi l-pandemija jerġgħu jaqbdu r-ritmu tax-xogħol u saħansitra jsaħħuh biex il-ġid nazzjonali jkompli jikber.

Għax konna bil-għaqal, investejna fin-nies u rnexxielna nsaħħu r-ritmu ekonomiku llum għandna l-aqwa ċertifikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li l-irkupru ta’ Malta mill-effetti tal-pandemija kien wieħed impressjonanti.

L-ekonomija kompliet tikber u tissaħħaħ tant li wasal it-tieni patt soċjali, dak li rnexxielna ngħollu l-paga minima nazzjonali għal livell tassew impressjonanti. Mhux biss, il-pensjonanti qatt ma ħadu żjidiet daqs fl-aħħar għaxar snin.

Għarafna l-għafsa tal-għoli tal-ħajja fuq kulħadd. Komplejna u se nkomplu nissussidjaw il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels billi għandna l-prezzijiet tagħhom l-istess kif kienu għaxar snin ilu. Mhux hekk biss, mingħajr m’hu se jinħareġ ċenteżmu minn flus il-poplu, l-Gvern mmexxi b’tant għaqal mill-Prim Ministru Robert Abela irnexxielu jasal għat-Tielet Patt Soċjali, din id-darba ftehim mal-importaturi u l-operaturi tas-supermarkets ewlenin biex mil-lum, 400 mitt prodott fost l-aktar essenzjali jinsabu għall-bejgħ bi prezzijiet orħos li jridu jibqgħu stabbli mill-inqas sa Novembru li ġej.

Dan huwa gvern Tarka tan-Nies. Dan huwa gvern b’qalb soċjali kbira. Dan huwa gvern li jisma’ lin-nies u jaġixxi biex jiddefendihom b’kull mezz.

Ekonomija

Sport