Taljan mixli b’attentat ta’ qtil ta’ Albaniż f’Għajnsielem wara ġlieda bil-ġebel

Aqra wkoll

Taljan ta’ 28 sena residenti Marsalforn baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti ta’ Għawdex fejn ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Albaniż.

Albert Sam Yeboah – l-akkużat – wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġew informati li f’għalqa f’Għajnsielem kien seħħ argument bejn l-allegat aggressur u Albaniż ta’ 58 sena, bil-vittma jiddaħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jiġi ċertifikata fil-periklu tal-mewt.

Minn investigazzjonijiet li għamlu l-pulizija rriżulta li kemm l-allegat aggressur u l-vittma kienu qegħdin jibnu xi ħitan tas-sejjieħ meta nqala l-argument. Allegatament it-Taljan beda jitfa’ xi ġebel fid-direzzjoni tal-Albaniż bil-konsegwenza li ntlaqat f’rasu u sofra ġrieħi serji. Hu ġie ċertifikat fil-periklu tal-mewt fejn anke tniżżel l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter.

Dwar dan il-każ anke infetħet inkjesta.

Id-difiża li kienet imexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Marsette Portelli Xerri qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħeslien mill-arrest.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech ordna li t-Taljan jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miguel Taliana f’isem l-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Josef Gauci.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport