Hekk kif għada tintemm it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026 bil-finali bejn Spanja u l-Arġentina, din l-edizzjoni offriet futbol ta’ livell għoli, emozzjonijiet u sorpriżi kbar. Minkejja kollox, il-kompetizzjoni kienet ukoll immarkata minn sensiela ta’ kontroversji li qajmu dibattitu madwar id-dinja.
Minn allegazzjonijiet ta’ indħil politiku sa deċiżjonijiet kontroversjali tal-VAR, prezzijiet eżaġerati tal-biljetti u kritika lejn il-mod kif il-FIFA mexxiet ċerti sitwazzjonijiet, din it-tazza se tibqa’ mfakkra mhux biss għal dak li ġara filgrawnd, iżda wkoll għal dak li seħħ barra minnu.
F’dan l-artiklu se nagħtu ħarsa lejn il-ħames kontroversji ewlenin li ddominaw l-aħbarijiet matul it-Tazza tad-Dinja 2026. Waħda mill-ewwel kontroversji kienet tinvolvi lirreferee Somalu Omar Abdulkadir Artan, li ma tħalliex jidħol fl-Istati Uniti minkejja li kellu viża valida biex jikkontrolla logħbiet tat-Tazza tad-Dinja. L-amministrazzjoni talPresident Amerikan Donald Trump sostniet, mingħajr ma ppreżentat evidenza pubblika, li d-deċiżjoni kienet marbuta ma’ allegati rabtiet ma’ persuni suspettati b’attivitajiet terroristiċi. Madankollu, Artan huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa referees Afrikani u fl-2025 kien ġie vvutat bħala l-Aħjar Referee Maskili tal-Konfederazzjoni Afrikana tal-Futbol (CAF).
Il-pożizzjoni tal-FIFA dwar il-każ ġiet ikkritikata ferm. Minflok ma ddefendiet uffiċjal tagħha, il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal lill-kritiċi sabiex “jirrilassaw u jikkalmaw”, kumment li ġibed aktar kritika. Minkejja kollox, Artan se jitħallas bis-sħiħ għall-impenn tiegħu u ġie wkoll appuntat sabiex jikkontrolla s-Super Cup Ewropea talUEFA fl-istaġun li ġej.
Forsi l-akbar kontroversja tal-kompetizzjoni kienet dik relatata mal-attakkant tal-Istati Uniti Folarin Balogun. Balogun kien tkeċċa b’karta ħamra u ġie sospiż. Madankollu, wara intervent dirett tal-President Donald Trump, il-FIFA ddeċidiet li tissospendi l-piena tiegħu u tippermettilu jilgħab.
Id-deċiżjoni qanqlet reazzjoni qawwija minn federazzjonijiet, kowċis, politiċi u osservaturi li argumentaw li l-FIFA kienet ċediet għallpressjoni politika. Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, insista li l-korpi dixxiplinarji tal-FIFA baqgħu jaħdmu b’mod indipendenti u awtonomu, iżda dan ma kienx biżżejjed biex itaffi l-kritika.
Il-UEFA ddikjarat li b’din id-deċiżjoni l-FIFA kienet “qasmet linja ħamra”, filwaqt li l-Federazzjoni Belġjana tal-Futbol ikkontestat ukoll l-eliġibbiltà ta’ Balogun qabel il-partita kontra l-Belġju.
Minkejja li tħalla jilgħab, l-Istati Uniti sfaw eliminati wara telfa ta’ 4-1 kontra l-Belġju. Trump aktar tard qal lillmidja li kien talab personalment sabiex il-każ jiġi rivedut għax kien jemmen li kieku Balogun ma kienx jitħalla jilgħab, il-kompetizzjoni kienet titlef il-kredibbiltà tagħha.
Huwa wkoll ikkritika lir-referee Brażiljan Raphael Claus, li kien keċċa lil Balogun, għalkemm ma ppreżenta l-ebda prova dwar il-kummenti tiegħu. Il-Federazzjoni Brażiljana ddefendiet lir-referee tagħha, filwaqt li l-FIFA għal darb’oħra ġiet akkużata li m’appoġġjatx biżżejjed lill-uffiċjali tagħha. Is-sistema tal-Video Assistant Referee (VAR) reġgħet kienet suġġett ta’ dibattitu qawwi matul dan it-turnew mondjali.
Waħda mill-aktar deċiżjonijiet ikkritikati waslet filpartita bejn l-Eġittu u l-Arġentina fl-Aħħar 16. L-Eġittu kien qed jirbaħ 2-0 u deher riesaq lejn waħda mill-akbar sorpriżi tal-kompetizzjoni. Madankollu, gowl ta’ Mostafa Zico ġie mħassar wara reviżjoni tal-VAR minħabba foul fil-bidu tal-azzjoni. Aktar tard, l-Arġentina skorjat tliet gowls konsekuttivi u rebħet il-logħba 3-2.
Il-kowċ tal-Eġittu Hossam Hassan, il-captain Mohamed Salah u diversi eks plejers sostnew li l-VAR ma kellux jintervjeni f’dik l-azzjoni. L-eks goalkeeper Ingliż Rob Green sostna li l-foul kien seħħ ħafna qabel ilkaxxa u ma kellux ikun parti mir-reviżjoni.
Kontroversja oħra seħħet fil-kwarti tal-finali bejn l-Arġentina u l-Iżvizzera. L-attakkant Żvizzeru Breel Embolo tkeċċa wara li rċieva t-tieni karta safra għal simulazzjoni. Ir-referee kien inizjalment ikkastiga lill-Arġentin Leandro Paredes, iżda wara reviżjoni twila tal-VAR biddel kompletament id-deċiżjoni.
Il-kowċ Żvizzeru Murat Yakin qal li ma kien hemm assolutament l-ebda raġuni biex Embolo jiġi kkastigat u sostna li l-logħob kellu jitħalla jkompli. Kontroversja oħra kienet relatata mal-prezzijiet għoljin ħafna tal-biljetti. Ftit jiem qabel il-finali ġie żvelat li kważi 1,200 biljett tal-Kategorija 2 kienu qed jinbiegħu għal madwar 7,380 dollaru Amerikan kull wieħed.
Saħansitra matul April kienu dehru fuq is-suq uffiċjali tal-bejgħ mill-ġdid erba’ biljetti offruti għal kważi żewġ miljun dollaru Amerikan kull wieħed. Il-FIFA ġiet ikkritikata bil-qawwi minn gruppi ta’ partitarji li saħansitra fetħu kawża fil-qorti, fejn allegaw li l-prezzijiet kienu eżaġerati u mhux aċċessibbli għall-partitarji ordinarji.
Gianni Infantino ddefenda l-politika tal-prezzijiet billi qal li l-FIFA kienet qed topera skont il-liġijiet Amerikani li jippermettu l-bejgħ mill-ġdid tal-biljetti bi prezzijiet ferm ogħla mill-valur oriġinali tagħhom. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-Istati ta’ New York u New Jersey fetħu investigazzjoni dwar il-mod kif ġew stabbiliti l-prezzijiet u dwar jekk il-postijiet offruti lill-partitarji kinux jaqblu ma’ dak li kien ġie mwiegħed.
L-aħħar kontroversja ewlenija kienet marbuta maddeċiżjoni tal-FIFA li tintroduċi waqfiet obbligatorji għall-idratazzjoni f’kull partita, irrispettivament mit-temperatura.
Il-FIFA spjegat li l-miżura kienet qed tittieħed sabiex tipproteġi s-saħħa tal-plejers, speċjalment fid-dawl tas-sħana li tista’ tkun preżenti f’ċerti bliet ospitanti. Madankollu, plejers, kowċis, esperti u partitarji argumentaw li ħafna logħbiet kienu qed jintlagħbu fi grawnds moderni b’sistemi ta’ arja kkundizzjonata jew f’temperaturi komdi, u għalhekk dawn il-waqfiet ma kinux meħtieġa.
Diversi analisti sostnew li dawn il-waqfiet kienu qed jaqtgħu r-ritmu tal-logħob u prattikament ibiddlu l-partita f’erba’ kwarti minflok żewġ taqsimiet. Il-meteorologu Everton Fox sostna li l-waqfiet setgħu kienu ġġustifikati f’postijiet bħall-Miami, California jew xi grawnds fil-Messiku fejn is-sħana kienet intensa, iżda qal li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal waqfiet simili fi stadiums mgħammra b’arja kkundizzjonata bħal Dallas, Houston, Atlanta jew Vancouver.
Skont diversi kritiċi tal-futbol modern, ħafna qed jemmnu li l-waqfiet servew ukoll bħala opportunità kummerċjali ta’ miljuni ta’ dollari għax-xandiriet televiżivi u għar-reklamar internazzjonali. Minkejja l-kwalità għolja tal-futbol u l-ispettaklu offrut fil-grawnd, it-Tazza tad-Dinja 2026 kienet waħda mill-aktar edizzjonijiet kontroversjali fl-istorja riċenti tal-kompetizzjoni.
Id-dibattitu dwar l-indħil politiku, il-mod ta’ kif ġiet użata l-VAR, il-prezzijiet tal-biljetti u d-deċiżjonijiet amministrattivi talFIFA mistenni jibqa’ għaddej anke wara li tintemm it-Tazza tad-Dinja, u jista’ jwassal għal bidliet importanti filmod kif jiġu organizzati l-kompetizzjonijiet internazzjonali fil-futur.
