Statistika riċenti tal-Eurostat għall-2025 tikkonferma kemm in-networks soċjali saru parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ Ewropej. Fil-fatt, 89% ta’ dawk bejn is-16 u d-29 sena wżaw dawn il-pjattaformi, proporzjon ferm ogħla minn dak tal-popolazzjoni ġenerali, li jilħaq 67.3%.
F’19 minn 27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, aktar minn 90% taż-żgħażagħ irriżulltaw attivi online. L-ogħla livelli ta’ użu ġew irreġistrati f’Ċipru (98.3%), fir-Repubblika Ċeka (97.2%), fid-Danimarka (96.9%) u fil-Finlandja (96.6%). Min-naħa l-oħra, l-inqas livelli, għalkemm xorta għoljin, instabu fl-Italja (89.3%), fil-Ġermanja (84.2%) u fil-Lussemburgu (84.8%).
Malta fil-kuntest Ewropew
Malta tinsab fil-11-il post fil-klassifika Ewropea b’91.9% taż-żgħażagħ fil-faxxa ta’ età msemmija jużaw in-networks soċjali. Dan il-livell poġġa lil pajjiżna fil-medja għolja tal-Unjoni Ewropea. Dan mhux biss juri rata għolja ta’ użu fost iż-żgħażagħ, iżda wkoll jindika livell qawwi ta’ konnettività mifruxa fis-soċjetà kollha, fatt li jiddistingwi lill-gżejjer tagħna minn bosta pajjiżi oħra.
Diskrepanza bejn ġenerazzjonijiet: il-vantaġġ tagħna
F’diversi pajjiżi Ewropej, id-distakk bejn iż-żgħażagħ u l-popolazzjoni ġenerali jibqa’ sostanzjali. Fost dawn insibu:
Kroazja: 29.2 punti perċentwali
Awstrija: 28.2 punti perċentwali
Polonja: 27.2 punti perċentwali
F’Malta, iżda, id-differenza hija ferm iżgħar – 10.3 punti perċentwali (81.6% kontra 91.9%). Dan ipoġġi lil pajjiżna fost dawk bl-inqas diskrepanzi fil-Blokk Ewropew, flimkien mad-Danimarka u Ċipru.
Investiment li jagħmel differenza
Filwaqt li l-Ewropa qiegħda tara żieda qawwija fl-użu tan-networks soċjali fost iż-żgħażagħ, pajjiżna qiegħed joffri mudell aktar bilanċjat b’soċjetà li qiegħda tavvanza b’mod aktar uniformi bejn il-ġenerazzjonijiet.
Dan ir-riżultat huwa marbut direttament ma’ investiment konsistenti fit-teknoloġija, fl-infrastruttura u fl-edukazzjoni diġitali. Fost l-inizjattivi ewlenin li kkontribwew għal dan hemm:
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Innovazzjoni Diġitali li tmexxi t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà;
Servizzi estensivi ta’ eGovernment permezz ta’ Servizz.gov, li jinkoraġġixxu użu kontinwu ta’ pjattaformi diġitali;
Investiment fil-broadband u n-networks 5G immexxi mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni; u
Programmi ta’ ħiliet diġitali mmexxija minn MITA u inizjattivi ta’ eSkills.
Dawn il-miżuri, sostnuti minn strateġiji u rapporti uffiċjali, għenu biex jitnaqqas id-distakk diġitali u biex it-teknoloġija ssir parti mill-ħajja ta’ kuljum.
Hawn qegħdin naraw li Malta mhux biss qiegħda żżomm il-pass mal-Ewropa iżda, f’ċerti aspetti, qiegħda toffri mudell ta’ kif soċjetà tista’ tadatta b’mod inklussiv għar-realtà diġitali. Issa huwa importanti li dan il-progress jinżamm u jissarraf f’użu aktar konxju, sigur u produttiv tan-networks soċjali minn kulħadd.

