Tuesday, April 16, 2024

“Xogħol il-Gvern huwa li jipprovdi stabbilità”

- il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista waqt il-konferenza “L-Istat tan-Nazzjon”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Xogħol il-Gvern huwa li jipprovdi stabbiltà. Biex in-nies ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet u jippjanaw bil-mod f’ħajjithom.” Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jiġi intervista minn Lou Bondi waqt il-konferenza nazzjonali dwar l-Istat tan-Nazzjon, li saret ilbieraħ fil-Palazz Verdala.

Il-Prim Ministru rrimarka li l-inflazzjoni kienet fattur ewlieni li wassal biex il-bniedem jagħmel u jippjana ħajtu b’mod differenti minn kif seta’ jagħmel sentejn ilu. Qal li l-inflazzjoni f’pajjiżna hi ta’ 5.8%, fost l-inqas fl-Ewropa, iżda li dan ma jfissirx li huwa kuntent biha.

“Beħsiebna nnaqqsuha u t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea juri li dik ir-rata se tonqos bin-nofs għas-sena d-dieħla. Iżda ma żammejniex l-inflazzjoni taħt kontroll b’kumbinazzjoni,” kompla jgħid il-Prim Ministru filwaqt li rrefera għal waħda mill-aktar miżuri soċjalisti li ttieħdu – dik tal-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

“Ebda episodju notevoli ta’ korruzzjoni minn Jannar tal-2020 ‘l hawn”

Mistoqsi jekk jaħsibx li llum hawn inqas korruzzjoni minn meta huwa sar Prim Ministru, Dr Abela qal li dak il-ġudizzju jrid jagħmel il-poplu li għandu l-fatti quddiemu fejn minn Jannar tal-2020 sal-lum m’għandek ebda episodju notevoli ta’ korruzzjoni li ġie riskontrat.

Huwa saħaq li llum kulħadd jaf li hemm istituzzjonijiet li qed jaħdmu u li jekk dak li jkun se jkun qed jabbuża, se jkollu l-konsegwenzi. “U xogħol il-Gvern huwa li joħloq qafas istituzzjonali li jissorvelja biex ċertu aġir li jkun ta’ ħsara għall-pajjiż ma jseħħx. Saħħaħna l-FIAU, il-Korp tal-Pulizija, il-Ġudikatura.”

Il-Prim Ministru tenna li huwa dejjem tkellem li fejn sar tajjeb inkomplu nibnu fuqu u fejn seta’ sar aħjar irridu ntejbuh.

“Nitkellem fuq Kummissarju wieħed fi tliet snin”

Meta mistoqsi dwar il-fatt li f’dawn l-aħħar 10 snin inbidlu sitt Kummissarji tal-Pulizija, il-Prim Ministru qal li huwa jitkellem fuq Kummissarju wieħed fi tliet snin. Kien Kummissarju tal-Pulizija li ma nħatarx kif kien isir qabel l-2013 li jagħżlu l-Prim Ministru tal-ġurnata imma nħatar wara sejħa pubblika bi proċess immexxi mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u proċess ta’ skrutinju mill-Parlament Malti. Hawn fakkar kif l-Oppożizzjoni kienet għamlet bojkott u ma daħlitx għal dan l-iskrutinju.

Dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li hemm tliet persuni li huma diġà kkundannati, ingħatat maħfra biex wieħed mill-persuni li ammettew jikxef dak li jaf, u tliet persuni oħra qed jistennew il-ġudizzju.

F’dak li jirrigwardja t-tibdil kostituzzjonali, Dr Abela semma kif bidla ewlenija maġġuri li saret kienet il-fatma bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura. Tenna wkoll li l-Gvern irid jaħdem fuq aktar bidliet kostituzzjonali fosthom il-bidla li tirregola l-FIAU u li teħtieġ il-vot taż-żewġ terzi.

Tkellem ukoll dwar il-qasam tal-ġustizzja u saħaq li d-dewmien quddiem il-Qrati mhix xi ħaġa li tagħmlu kuntent. “Imma meta nibgħat messaġġ lill-Qrati biex jgħaġġlu fil-ħidma tagħhom jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni u jgħidli qed tindaħal fil-Qrati tagħna. Imma jien xorta se ngħid li għandek inkjesta maġisterjali fuq kollass ta’ binja li llum għalqet sitt xhur,” qal il-Prim Ministru.

“L-inġustizzji soċjali jdejquni u jweġġgħuni”

Fl-aħħar nett, meta kien mistoqsi dwar “min hu” Robert Abela, il-Prim Ministru qal li huwa persuna li ma jibżax mill-bidla u li se jibqa’ jġib ir-riformi kollha meħtieġa biex dan il-pajjiż jibqa’ jipprogressa ‘l quddiem.

Dr Abela saħaq ukoll li l-inġustizzji soċjali jdejquh u jweġġgħuh. Qal li din il-ġimgħa kellna sentenza fejn persuna, omm prospettiva, ġiet ikkundannata għal abort f’pajjiżna u kważi ma tkellem ħadd.

“Jiena qrajt is-sentenza. U meta tara l-fatti tal-każ, jixxukkjawk. Omm t’età żgħira. Problemi mentali serjissimi. Meta jsirilha l-eżami mediku jsibulha ġrieħi fuqha, f’relazzjoni abbużiva mas-sieħeb tagħha. Tressqet quddiem il-Qrati u kellha tiġi kkundannata.

“Jiena minix komdu biha din is-sitwazzjoni. Jiena kont nistenna li jkun hemm mewġa fuqu dan. Ejja nibdew dawn it-tip ta’ dibattiti. Irriduhom dawn iċ-ċirkostanzi li qed iisru ġewwa d-djar, u qed ifaqqgħu f’ċirkostanzi bħal dawn. U dawn huma affarijiet li jinkwetawni ħafna però mhux lest li noqgħod plaċidu dwarhom,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Bernard Grech jgħid li ffukat mhux fuq x’jista’ jiġri imma x’hemm bżonn li jiġri

Waqt l-istess konferenza kien intervistat ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Mistoqsi dwar id-disfatti tal-PN fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali, huwa qal li l-poplu jagħżel u jiddeċiedi u li l-ħidma tiegħu u tal-partit tibqa’ ffukata “biex il-poplu fil-futur qarib jagħżel lill-PN.”

Mistoqsi dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla, Grech qal: “jinteressani li nibqa’ ffukat mhux fuq x’jista’ jiġri imma x’hemm bżonn li jiġri.” Qal ukoll li dan il-pajjiż għandu “problema fit-tmexxija” u li “għandu kriżijiet kbar – l-għoli tal-ħajja, il-problema tal-prezzijiet tal-proprjetà, u l-problema tal-ambjent u t-traffiku.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq ukoll li ma nistgħux nibqgħu sejrin biss għal ekonomija ta’ kwantità. “Għandna bżonn ħaddiema barranin, iva, però ma nisgħux nibqgħu niddependu fuq short term measures,” tenna Grech.

Il-President jappella biex it-tagħrif li rriżulta minn ‘L-istat tan-nazzjon’ jiġi utilizzat għall-benefiċċju tas-soċjetà

F’indirizz li għamel il-President ta’ Malta George Vella fit-tmiem tal-konferenza, huwa appella biex it-tagħrif siewi li rriżulta minn “L-Istat tan-Nazzjon” jiġi utilizzat għall-benefiċċju tas-soċjetà, u mhux jispiċċa ġo xi kexxun bħala eżerċizzju akkademiku biss.

“Kif jgħid il-Malti ‘il-mazz f’idejkom’. Din l-għodda tajnihielkom biex tintuża.” Stqarr dan il-President. Huwa fisser kif permezz tal-Konferenza ttieħed ‘ritratt’ tagħna nfusna u issa jmiss naraw x’ser insarrfu minnu, u kif ser ngħaddu mill-kliem għall-fatti.

Huwa dar fuq il-mexxejja, il-politiċi, l-awtoritajiet, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-operaturi ekonomiċi u kull min iktar jista’ jagħti sehmu u fisser kif għandhom ir-responsabbiltà li ma jitilfux l-interess, l-għarfien u l-motivazzjoni li ħarġu b’mod prominenti permezz ta’ din l-inizjattiva.

Il-President appella wkoll lill-entitajiet u l-individwi kollha li jħossu li jistgħu jagħtu sehem, jagħmlu dan fi spirtu ta’ kooperazzjoni u mhux kompetizzjoni. “L-interess kollettiv tagħna, u ta’ dawk li ġejjin warajna, jiddependi minna kollha llum u mhux għada”, qal il-President.

Ekonomija

Sport