Il-EuroPride 2023, li bdiet ilbieraħ filgħaxija u li se tkun qed tilħaq il-qofol tagħha fi tmiem il-ġimgħa li ġej, tiġbor flimkien firxa wiesgħa ta’ avvenimenti, wirjiet artistiċi, u diskussjonijiet li huma ta’ sinifikat għall-komunità LGBTIQ+.
F’kummenti li tatna s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, hija saħqet dwar l-importanza li jsiru diskussjonijiet bħal dawn, li ġew organizzati minn diversi entitajiet, għaqdiet mhux governattivi u msieħba soċjali oħra: “Dawn id-diskussjonijiet huma kruċjali għal diversi raġunijiet. Primarjament, se jipprovdu pjattaforma għal djalogu miftuħ, kif ukoll biex individwi differenti jaqsmu xi esperjenzi li għaddew minnhom”.
Buttigieg kompliet tfisser li permezz ta’ dan “Joħolqu ambjent fejn jistgħu jinstemgħu vuċijiet u perspettivi differenti fi ħdan il-komunità LGBTIQ+ li jrawmu l-empatija”. Fl-istess waqt, hija qaltilna wkoll li d-diskussjonijiet se jservu wkoll bħala mezz biex titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi li taffaċċja l-komunità LGBTIQ+, kemm f’pajjiżna kif ukoll b’mod inġenerali f’pajjiżi oħra.
“Meta nitfgħu dawl fuq dawn il-kwistjonijiet, nistgħu naħdmu b’mod kollettiv sabiex nindirizzawhom u nassiguraw bidla sinifikanti,” fissret Buttigieg.
Hija saħqet ukoll li diskussjonijiet ta’ din in-natura huma strumentali fil-promozzjoni tal-inklussività u l-ugwaljanza għaliex jibagħtu messaġġ qawwi li l-komunità LGBTIQ+ jixirqilha l-istess drittijiet, rispett, u opportunitajiet bħal ħaddieħor.
“Permezz ta’ dawn il-konverżazzjonijiet, nittamaw li nispiraw soċjetà li tappoġġja dejjem aktar persuni LGBTIQ+, fejn id-diversità mhix biss ittollerata, iżda, iċċelebrata”.
Buttigieg tappella lill-Maltin sabiex tirrenja l-għaqda ħalli l-Europride tkun suċċess
Buttigieg enfasizzat magħna dwar l-importanza li jittellgħu attivitajiet bħalma hi l-EuroPride Valletta 2023.
“Il-pride sservi ta’ tfakkira li l-ugwaljanza, id-diversità, u l-inklużjoni mhumiex sempliċiment kliem fihom infushom, iżda iktar minn hekk prinċipji fundamentali li għandhom jiġu mħarsa minn kulħadd,” qalet Buttigieg ma’ L-ORIZZONT.
Hawnhekk hija spjegat illi l-parteċipazzjoni jew inkella l-appoġġ ta’ kull wieħed u waħda minna jgħinu sabiex ikollna rwol attiv fil-ħolqien ta’ soċjetà aktar ġusta u li taċċetta d-diversità. Hija wkoll opportunità biex nirriflettu fuq il-preġudizzji tagħna lkoll u “biex nimpenjaw ruħna li nkunu alleati fil-ġlieda għall-ugwaljanza; essenzjalment, il-EuroPride hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba, aċċettazzjoni u drittijiet tal-bniedem”.
L-appell tas-Segretarju Parlamentari huwa sabiex bħala Maltin ningħaqdu flimkien biex il-Europride Valletta 2023 tkun suċċess u nżommu isem pajjiżna fuq nett fid-drittijiet. Dan ċertament li jkun ta’ benefiċċju għal uliedna biex jgħixu ħajja aħjar.