Il-Fondazzjoni Caritas tinsab viċin illi tiftaħ il-bibien tagħha għal dik li ser isservi ta’ residenza ‘after care’ għal dawk il-persuni li jkunu waslu fl-aħħar fażi tal-programm ta’ riabilitazzjoni tagħhom.

Fażi deskritta bħala l-aktar sensittiva u prekarja minħabba l-fatt li r-riskju ta’ ‘relapse’ jkun akbar, speċjalment għal dawk il-persuni li ma jkollhomx sapport familjari u akkomodazzjoni fissa.
Din id-dar fin-Naxxar, qed tkun meqjusa bħala ‘stepping stone’ u l-għan tagħha mhuwiex biss marbut m’akkomodazzjoni, iżda li tmur sabiex tagħti stabbiltà, dinjità u fuq kollox pjan ta’ struttura.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon għamel żjara f’din ir-residenza flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni Caritas. Hawnhekk il-Ministru stqarr illi l-Gvern ser ikun qed jgħin finanzjarjament sabiex jara dan il-proġett jibda jitħaddem u tingħata garanzija fl-għoti tas-servizz tul iż-żmien.
“Mal-Caritas għandna diversi ftehimiet bħal dawn li jlaħħqu l-miljuni t’ewro fis-sena. Dan narawh bħala investiment f’dik il-faxxa tas-soċjetà li rridu nagħtuha ċans sabiex tirriforma ruħha u eventwalment tintegra lura b’mod pożittiv,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Caritas, Anthony Gatt spjega kif dan il-proġett ser jipprovdi ambjent sigur, terapewtiku, u li jagħti s-setgħa lill-individwi, billi jagħti prijorità lin-nisa, l-ommijiet, adulti żgħażagħ, li jkunu qed ifittxu ħajja indipendenti fil-komunità.


