Friday, April 19, 2024

IN-NUQQAS TA’ EDUKAZZJONI SESSWALI LILL-ADOLEXXENTI

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti se jkun qed iqassam il-pillola kontraċettiva u l-morning after pill (MAP) b’xejn miċ-ċentri tas-saħħa u mill-ispiżeriji. Apparti minn hekk ippropona wkoll li l-Intrauterine Contraceptive Devices (IUDs), inkluż dawk ormonali, jiġu offruti b’xejn lin-nisa kollha bħala parti mis-servizz tas-saħħa. Iżda mingħajr edukazzjoni sesswali b’saħħitha fost l-adolexxenti dawn se jintużaw? Se jittieħdu inkonsiderazzjoni mill-adolexxenti tagħna?

Taħseb li wasal iż-żmien li tidħol f’ċentru tas-saħħa jew spiżerija u jkun hemm diversi tipi ta’ kontraċettivi li jittieħdu b’xejn? Jidher li wasal iż-żmien, għax hekk jgħidu, qatt mhu tard, li tingħata aktar informazzjoni b’saħħitha permezz ta’ kampanji ta’ valur biex tingħeleb it-taboo fost iż-żgħażagħ mit-talba għall-kontraċettivi. Żgħażagħ li jħossuhom skomdi juru li huma attivi sesswalment. Iħossu sens ta’ mistħija jew imbarazzament. B’hekk ma jirrikorrux għall-kontraċettivi biex ma juru lil ħadd.

Hawnhekk wieħed jistaqsi. Dan kollu qed jiġri għax mhijiex tingħata biżżejjed informazzjoni dwar is-sesswalità u s-sess sigur? Dwar il-bżonn li minn meta wieħed ikollu l-ewwel relazzjoni sesswali għandu jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa minħabba tqala mhux mixtieqa jew infezzjonijiet trasmessi sesswalment? Is-sistema edukattiva qed tiffunzjona biżżejjed biex teduka lill-istudenti dwar is-sesswalità tagħhom u dak kollu li ġġorr magħha?

Nuqqas ta’ informazzjoni u diskussjonijiet dwar dan is-suġġett mhux se jgħallmu lill-istudenti tagħna jipproteġu lilhom infushom kif għandu jkun. Ix-xjenza, il-matematika, il-lingwi u l-istorja huma suġġetti essenzjali fl-iskejjel u l-pedament għall-edukazzjoni tagħhom. Madankollu, dawn is-suġġetti mhux se jipprevjenu lill-istudenti tagħna milli jimirdu b’xi mard trasmess mis-sess jew jipprevjenu t-tqala mhux mixtieqa.

F’ċerti skejjel barra minn Malta apparti milli jingħataw kontraċettivi b’xejn l-istudenti jiġu pprovduti bi programmi informattivi u pariri dwar prattiċi sesswali siguri. Waqt il-laqgħat jew preżentazzjonijiet jiddiskutu bejniethom, fosthom dwar l-infezzjonijiet trasmessi sesswalment. Dawn l-inizjattivi jedukaw lill-istudenti u jiggarantixxu li allinqas ikunu konxji tar-riperkussjonijiet li jista’ jkollu s-sess.
Is-suċċess tal-istudenti huwa tal-akbar importanza għall-edukaturi. Iżda kif nistgħu niggarantixxu s-suċċess tagħhom jekk mhux qed nagħmlu dak kollu possibbli biex nieħdu ħsieb ngħadduhom l-informazzjoni sesswali meħtieġa? Il-kwistjonijiet tat-tqala mhux mixtieqa u l-mard trasmess sesswalment huma importanti daqstant hekk kif dawn huma fatturi li jinfluwenzaw il-ħajja tagħhom fil-futur. L-edukaturi u l-professjonisti tas-saħħa jistgħu jkissru ċ-ċiklu billi jħeġġu lill-istudenti jfittxu l-għajnuna jew jagħmlu użu mir-riżorsi li jinstabu fis-suq.

Edukazzjoni tajba u bis-sens fl-adolexxenza, dwar is-sesswalità u dak kollu li ġġorr magħha hija ta’ importanza għaż-żgħażagħ tagħna li se tiswa tul ħajjithom kollha. Hemm bżonn jiżdied l-għarfien!

Sport