Sunday, December 22, 2024

Inawgurat ċentru ta’ matul il-jum u l-lejl għall-persuni bid-dimensja f’Ħal Safi

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dak li qabel kien jospita l-mużew tas-subien ġewwa Ħal Safi, issa wara li sarlu r-restawr meħtieġ, se jibda jintuża bħala ċentru ta’ matul il-jum u u l-lejl għall-persuni li għandhom id-dimensja, liema ċentru se jkun qiegħed jitmexxa mill-Gvern wara ftehim mal-Knisja għall-użu tal-propjetà.

Fost ix-xogħlijiet li saru f’dan iċ-ċentru, li jinsab fil-qalba tar-raħal, sar it-twaqqigħ ta’ parti mill-binja kif ukoll l-estensjoni tal-istess binja billi żdied sular, fost affarijiet oħra. Dan apparti mill-fatt li sar tibdil tas-sistemi tad-dawl u l-ilma kif ukoll installazzjoni ta’ lift ġdid.

Dan il-post, li ġie deskritt bħala wieħed state-of-the-art, sar b’investiment ta’ €500,000 u l-għan tal-post huwa biex persuni li għandhom id-dimensja jħossuhom bħallikieku jinsabu fid-dar tagħhom filwaqt li jkollhom id-dinjità li tassew tixraqilhom.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru li saret illejla, ġie spjegat li kull persuna li tkun imħajra biex tattendi ċ-ċentru se jkollha assessjar minn infermiera biex ikollha pjan ta’ kura individwali skont l-attivitajiiet li tħobb u l-abilitajiet tagħha.

L-attivitajiet li se jsiru f’dan iċ-ċentru jvarjaw minn attivitajiet produttivi bħal preparazzjoni ta’ xi ikel, attivitajiet oħra li jinkludu eżerċiżżji fi gruppi u logħob li se jgħinu biex il-moħħ jibqa’ attiv filwaqt li jkun hemm attivitajiet oħra fiżiċi bħal żfin u mixi kif ukoll attivitajiet rilassanti bħall-mużika u ġardinaġġ.

Barra mill-attivitajiet ġewwa ċ-ċentru se jkun hemm ukoll attivitajiet barra miċ-ċentru wkoll bħal xiri minn ħwienet tal-lokalità, attività fil-knisja tal-lokal u mixjiet fil-ġonna tal-madwar. Dan kollu sar possibbli għax qed jaħdmu mal-Kunsill ta’ Ħal Safi biex jedukaw lir-residenti u dawk li joffru servizz lokali fuq il-kundizzjoni tad-dimensja biex fl-aħħar mill-aħħar dawn dejjem jiġi trattati b’dinjità u aktar rispett.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li bħala tobba minn jaf kemm iltaqgħu ma’ persuni bid-dimensja u rrealizzaw li kull persuna li tara bid-dimensja quddiemek għandek mill-inqas tlieta jew erbgħa persuni familjari li għaddejin minn tbatija jew psikoloġika, soċjali jew familjari. Qal li meta nitkellmu dwar dawk is-7,000 persuna li qed jistmaw li jbatu b’din il-kundizzjoni, iridu jimmultiplikawhom għal dawk il-persuni li b’xi mod jew ieħor qed jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja. 

Il-Ministru qal li apparti miċ-ċentri ta’ matul il-jum u matul il-lejl, għamlu diversi passi oħrajn bħat-telecare on the move. 

Semma wkoll l-importanza dwar it-taħriġ ta’ professjonisti f’dan is-settur biex fl-aħħar milll-aħħar ikollna professjonisti dedikati, li jagħtu servizz, persuni u carers li għandhom għerf kif iġibu ruħhom u jgħinu persuni bid-dimensja biex dan is-settur jgħolluh f’livell ta’ eċċellenza. 

Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johann Mula qal li jinsab kburi hekk kif ir-raħal tagħhom qed jospita l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru tad-dimensja.

Osserva li din il-binja fil-passat kienet isservi bħala l-bini tal-Mużew tas-Subien, binja li minn meta nbena l-Mużew tas-subien il-ġdid ma baqgħetx tintuża aktar bir-riżultat li l-istruttura tagħha spiċċat ta’ periklu. Qal li minn dakinhar bdew jitkellmu kif din l-isfida jistgħu jdawruha f’opportunità.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna.

Ekonomija

Sport