Friday, April 19, 2024

Inawgurata boutique hotel ġdida f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

B’investiment ta’ ’l fuq minn €1.5 miljun ġiet inawgurata boutique hotel ġdida f’Tas-Sliema.

Din l-akkomodazzjoni ser tingħaqad mal-firxa wiesgħa ta’ faċlitajiet turistiċi li diġà jeżistu f’din il-lokalità turistika.

L-għan ta’ din il-boutique hotel ser ikun li tattira klijentela b’interess kummerċjali li jinvestu f’pajjiżna.

Dan sar magħruf waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u d-Direttur Maniġerjali ta’ din l-akkomodazzjoni s-Sur Christian Gravina.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li din il-boutique hotel ser tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku li joffru Tas-Sliema u San Ġiljan.

“Madwar 40% tat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin jagħżlu lil Tas-Sliema u San Ġiljan għall-akkomodazzjoni tagħhom. Għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu bis-sħiħ f’iżjed infrastruttura ta’ kwalità f’dawn il-lokalitajiet,” kompla jgħid il-Ministru.

Huwa żied jgħid li dan l-investiment huwa turija ċara tas-sinerġija li teżisti bejn il-Gvern ċentrali u s-settur privat.

“Intenni l-apprezzament tiegħi lejn l-investituri u t-tmexxija ta’ din il-boutique hotel li fi żminijiet ta’ sfida qamu għall-okkażjoni u investew f’din il-binja. Intom ambaxxaturi ħajjin ta’ settur turistiku li jibqa’ relevanti fl-ekonomija Maltija,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia rrimarka kif akkomodazzjoni ta’ din l-għamla tkompli tassigura li t-turisti li jiġu f’pajjiżna jkollhom togħma eżatta ta’ dak li joffri pajjiżna lil’hinn mill-baħar u x-xemx.

Min-naħa tiegħu d-Direttur Maniġerjali Christian Gravina faħħar l-impenn tal-Gvern li kontinwament qiegħed ikun ta’ spalla mas-settur privat b’numru ta’ skemi bħal dik tal-wage supplement. 

Sport