Fil-Parlament illejla l-Prim Ministru Robert Abela żied jinnota li meta l-Ispeaker ta rulings kontra l-Gvern dakinhar l-Oppożizzjoni ċapċpitlu. “Kien hemm 35 ruling li ngħataw kontra din in-naħa tal-Kamra. Dakinhar kien l-aqwa Speaker għall-Oppożizzjoni,” qal il-Prim Ministru.
“Dawn huma tattiċi ta’ min isib dahru mal-ħajt. Mhux se noqgħod insemmi sondaġġi. Fl-aħħar mill-aħħar is-sondaġġi jew dak li jfisser l-aktar huwa meta n-nies se jagħtu l-verdett tagħhom fil-ġurnata tant importanti, skont il-kap tal-Oppożizzjoni suppost kienet is-Sibt li għadda, ikkonvinċa lilu nnifsu u spiċċa jemmen l-ispin li taw lill-istorja.”
“Illum kellna Kap tal-Oppożizzjoni li qara mozzjoni li m’għandux fiduċja fl-Ispeaker. Jiena ngħidlu hemm xi ħadd li n-nies m’għandhomx fiduċja fih u dak huwa int Sur Kap tal-Oppożizzjoni,” qal il-Prim Ministru.
Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista qalu li fil-Parlament illejla erġajna rajna Prim Ministru li tkellem bil-fatti dwar kif il-Parlament ingħata iktar saħħa biex iwettaq il-ħidma tiegħu u rwol ikbar fil-proċess demokratiku ta’ pajjiżna.
Il-PL qal li fuq kollox tkellem dwar parlament attiv biex jinkisbu r-riżultati li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Żied jgħid li fuq in-naħa l-oħra kellna Kap tal-Oppożizzjoni mehdi biss fuq kif se jifred lill-poplu u jattakka lil min ma jiġbidx il-linja tiegħu. “Kap tal-Oppożizzjoni dahru mal-ħajt li kostrett jipprova jimmina l-fiduċja f’ħaddieħor għax qed tibqa’ tintilef il-fiduċja fih.”