Monday, April 22, 2024

Jonqsu l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-isforzi ta’ Malta għal sistema edukattiva aktar ġusta, ta’ kwalità u inklussiva qed jagħtu riżultati pożittivi tant li wasslu għal tnaqqis kontinwu fost dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Fil-fatt, ir-rata naqset minn 21.4% fl-2010 għal 11% fl-2021.

Mill-2017 lil hawn, Malta rreġistrat waħda mill-ogħla perċentwali ta’ tnaqqis fost dawn l-individwi, studenti u żgħażagħ, madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, ir-rata xorta waħda għadha ogħla mill-medja tal-UE ta’ 9.7%.

Dawn iċ-ċifri ġew elenkati fid-dokument ta’ qabel il-budget 2023. Fih jissemma kif il-Gvern is-sena li għaddiet nieda qafas ta’ politika nazzjonali dwar l-edukazzjoni u l-ħarsien tat-tfal fis-snin bikrin.

Permezz ta’ fondi tal-ESF, twaqqaf ukoll konsorzju biex tiġi żviluppata road map biex jitwaqqaf programm ta’ monitoraġġ u intervent fl-iskejjel. Sabiex jiġi implimentat l-imsemmi konsorzju, se jitwaqqaf proġett pilota qabel jingħata bidu għal dan il-programm nazzjonali.

Fid-dokument ta’ qabel il-budget, tissemma wkoll l-istrateġija nazzjonali tal-litteriżmu li tkopri l-perjodu 2021-2030. L-għan wara din l-istrateġija huwa li tgħolli l-livelli tal-litteriżmu u li tiżgura aċċess għal opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali f’dan ir-rigward. 

Barra minn hekk, f’Malta żdiedet l-attenzjoni f’dak li jirrigwardja l-proċess ta’ mentoring u taħriġ għal għalliema kwalifikati ġodda kif ukoll issaħħaħ l-investiment fl-Istitut għall-Edukazzjoni. Fis-sena akkademika 2021/22, l-Istitut irreġistra titjib sinjifikanti fir-rata ta’ parteċipazzjoni għall-programmi ta’ taħriġ.

Min-naħa l-oħra, ġie rreġistrat ukoll progress fir-rata ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti. L-istatistika turi li fl-2021, it-tagħlim għall-adulti kien ogħla mill-medja Ewropea, li kien dovut għal numru ta’ inizjattivi li jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja. 

Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela li bħalissa jinsab New York fejn mistenni jipparteċipa fis-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, indirizza wkoll summit dwar l-edukazzjoni.

Il-Prim Ministru semma kif il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jilħaq il-miri tiegħu fl-edukazzjoni u li jsegwi l-implimentazzjoni tagħhom bil-għan li jħallu aktar riżultati pożittivi sal-2030. 

“L-edukazzjoni f’pajjiżna hija waħda inklussiva minn kull aspett, għaliex tiffoka fuq li nipprovdu aċċess ugwali lil kulħadd. Kull wieħed minnha għandu jpoġġi l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità bħala prijorità” tenna l-Prim Ministru.

Dr Abela rrefera wkoll għall-Politika Nazzjonali tal-Inklużjoni li qed tiġi implimentata f’Malta favur aktar miżuri ta’ inklużjoni. Huwa qal li l-Gvern investa ukoll fl-infrastruttura diġitali biex ikun assigurat li l-istudenti jkollhom aċċess għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità. 

Il-Prim Ministru sostna li bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta se tpoġġi bħala prijorità l-litteriżmu filwaqt li se tkompli taħdem biex tissalvagwardja d-dritt għall-edukazzjoni. “Jekk jirnexxielna nittrasformaw l-edukazzjoni, inkunu biddilna l-futur,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Sport