Monday, December 23, 2024

L-ispiża fuq l-ikel tiżdied bi 3% f’sena

... studju tal-Caritas

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Studju ġdid li sar mit-tim ta’ riċerka tal-Caritas wera li xirja bażika tal-ikel għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet bi kważi €250 fis-sena. L-istudju kien jirrifletti s-sitwazzjoni fi Frar tal-2023, li meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel l-ispiża fuq l-ikel żdiedet b’madwar 3%.

Caritas Malta kull erba’ snin tippreżenta l-istudju msejjaħ Minimum Essential Budget for a Decent Living. L-aħħar edizzjoni kienet tal-2020. F’Mejju tas-sena li għaddiet il-Caritas ippreżentat verżjoni oħra ta’ dan l-istudju minħabba l-impatt tal-Covid.

Din is-sena t-tim ta’ riċerka reġa’ ħadem fuq studju ieħor minħabba l-bidliet fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-inflazzjoni. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li jerġa’ jsir aġġornament ta’ dan l-istudju f’żewġ oqsma kruċjali: tal-ikel u tal-mediċina u prodotti oħra esenzjali ta’ saħħa.

L-istudju sab li familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal, ikollha tonfoq €719.50 fix-xahar jew €8,634 fis-sena f’ikel bażiku biex tgħix ħajja diċenti. Koppja anzjana li għandhom ‘il fuq minn 65 sena jonfqu minn tal-inqas €362.2 fix-xahar jew €4,347 fis-sena f’ikel.

Fl-istess studju jingħad li meta wieħed iqabbel is-sitwazzoni kif kienet f’Lulju tal-2020 ma’ dik fi Frar tal-2023, isib li l-ispiża tal-ikel għoliet b’madwar 25%.

F’dak li jirrigwardja x-xiri tal-mediċini, l-istudju sab li familja ta’ erba’ persuni trid tonfoq €32.37 fix-xahar jew €338.44 f’sena mentri l-ispiża għal koppja anzjana hi ferm akbar fejn iridu jonfqu kważi €50 fix-xahar jew €598 f’sena fuq mediċini. Meta mqabbel mal-2022, l-ispiża fix-xiri tal-mediċini żdiedet b’9.32% għal familja t’erba’ persuni u b’6.29% għal koppja anzjana.

Sadanittant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru dawn ir-riżultati, ingħataw ukoll xi rakkomandazzjonijiet fosthom li jiżdiedu l-iskemi biex ikel li għadu tajjeb imma jkun se jintrema’ ma jinħeliex u jekk jista’ jkun imur għand familji fil-bżonn.

Ġie rakkomandat ukoll li jitjieb l-aċċess għall-Famers’ Market f’Ta’ Qali u li tonqos it-taxxa fuq il-ħaxix u l-frott. Proposta oħra hi li dik li jkun hemm rifużjoni fuq l-ispejjeż ta’ mediċini u kura tas-saħħa għal familji bi dħul baxx.

Ekonomija

Sport