Monday, May 11, 2026

PAJJIŻ MULTI-KULTURALI?

Aqra wkoll

Waqt li pajjiżhom sar jinkludi numru sostanzjali ta’ residenti ġejjin minn kulturi differenti – mill-Ewropa u minn kontinenti oħra – ħafna Maltin għadhom isostnu fehmiet u preġudizzji ta’ komunità żgħira iżolata. Jaraw dak li hu barrani bħala theddida, aktar u aktar jekk ġej minn barra l-kontinent Ewropew.

Issa, din mhux l-ewwel darba li fit-territorju Malti, mal-popolazzjoni imnissla f’Malta għexu bosta barranin. Fi żmien il-Kavalieri ta’ San Ġwann, kellna “magħna” kavalieri, suldati, avventuriera, negozjanti, u skjavi mill-irkejjen kollha tal-Ewropa u tal-Mediterran. Fi żmien l-Ingliżi fil-gżejjer kienu ppustjati stakkamenti kbar ta’ suldati u baħrin. 

Hu minnu wkoll li sadattant, il-poplu Malti dejjem sab min jagħwih u jxewxu kontra l-barranin li qed jgħixu “madwaru” biex iżommu mbiegħed minnhom. Il-Knisja kienet fuq quddiem nett f’dil-ħidma imma mhux waħidha.  Jidher li baqa’ jidwi sew l-eku tal-għajtiet tal-imgħoddi kontra t-“Torok”, il-“Protestanti”, il-“Mażuni” u l-“Komunisti” – fost oħrajn.

ĠIRJA WARA L-VOT

Ma jistax jonqos li fi kwalunkwe elezzjoni demokratika tirranka l-ġirja wara l-voti bejn il-partiti li qed jikkontestaw. Rappreżentanti tal-partiti jiżviluppaw strataġemmi sħaħ biex jakkwistaw vot – u jekk huma kandidati biex il-vot ikun ukoll għalihom personali.

Min-naħa l-oħra, x’jintqal mill-votanti? Matul is-snin smajt dawn ir-raġunijiet għal kif jivvotaw: …Dejjem ivvotajt għall-Partit, sa minn ġuf ommi, jien u familti kollha… Kandidat Ħ ikkonvinċieni darba u bqajt dejjem warajh… Dal-Partit baqa’ t-tarka tagħna… Minn darba għall-oħra nara min jogħġobni l-aktar… Nivvota għal Ħ – hu/hi biss sexy minnhom kollha… Nibda minn fuq tal-lista tal-Partit u ninżel sa isfel…

Issemmew ukoll raġunijiet oħra.

ELEZZJONI F’MEJJU

Pajjiż-gżira oħra fil-Mediterran jinsab ukoll f’kampanja elettorali dax-xahar – Ċipru fejn jivvotaw sitt ijiem qabel Malta. In-numru tal-votanti jlaħħaq mal-561,000. Ix-xena politika t’hemmhekk toffri kuntrasti ma’ dik f’Malta.

Il-partiti tradizzjonali l-kbar jinsabu assedjati minn partiti żgħar, uħud minnhom “estremisti”. Teżisti frammentazzjoni politika mix-xellug sal-lemin. Fost il-kwistjonijiet kbar jissemmew il-kondizzjonjiet u l-inċertezzi ekonomiċi tal-ħajja ta’ kuljum, il-korruzzjoni u l-abbużi tal-poter, kif ukoll diżilluzjoni bil-politiċi tradizzjonali. L-apatija politika tista’ twassal biex ħafna ċittadini, speċjalment żgħażagħ, ma jivvotawx. 

Fl-istess ħin għall-elezzjonijiet resqu numru rekord ta’ kandidati: 753. Fl-aħħar elezzjonijiet kien hemm 651. Dsatax huma l-partiti jew għaqdiet politiċi jikkontestaw (b’9 kandidati indipendenti). Kienu ħmistax-il partit fl-aħħar elezzjoni. Il-kuntrast mal-qagħda politika ta’ Malta hu qawwi.

Biss bħal Malta fl-2017, l-elezzjonijiet qed isiru waqt li Ċipru jinsab fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Sadattant, l-inċertezzi ekonomiċi, mhux l-anqas minħabba fil-gwerra tal-Iran, qed jagħfsu fuq Ċipru. Matul ix-xahar li għadda, it-turisti lejn il-gżira naqsu b’16 fil-mija.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport