Monday, December 23, 2024

“PRIVILEĠĠ LI NAĦDEM GĦAL MALTA LI TANT INĦOBB”

Il-Prim Ministru f’għeluq erba’ snin mill-bidu tat-tmexxija tiegħu ta’ dan il-pajjiż

Aqra wkoll

Erba’ snin ilu, Avukat ta’ 42 sena ħa l-ġurament bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta. Robert Abela kien għadu kif inħatar Mexxej tal-Partit Laburista. Erba’ snin ta’ żviluppi mhux biss lokalment imma anki madwar id-dinja. X’ma nqalax; minn pandemija għal gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u fl-aħħar xhur il-kunflitt fil-Lvant Nofsani bejn Iżrael u l-Ħamas reġa’għolla rasu biex issa hu meqjus bħala l-aktar wieħed imdemmi.

Lokalment, il-Prim Ministru kien wieħed deċiżiv. Tmexxija ta’ kontroll fuq oqsma differenti. L-istampa l-kbira dejjem quddiemu iżda Prim Ministru li qatt ma nesa l-istampa ż-żgħira u dak li jolqot ta’ kuljum lin-nies. Għad ta’deċiżjonijiet li ttieħdu kuljum u għadhom jittieħdu quddiem sfidi internazzjonali. Dan flimkien ma’ bidliet u riformi kbar li qatt ma saru qabel. “Ħafna ħidma u deċiżjonijiet iżda fuq kollox tassew privileġġ li naħdem għal Malta tagħna li tant inħobb”, hekk sostna l-Prim Ministru f’kummenti ma’ dan is-sit f’għeluq l-erba’ snin mill-bidu tat-tmexxija tiegħu ta’dan il-pajjiż. Jistqarr ukoll li kien hemm ħafna tagħlimiet. “Konna perfetti? Dażgur li le. Hemm fejn stajna għamilna aħjar u determinati li nkomplu nagħmlu aħjar. Meta dħalt fil-kariga ħsiebi kien li tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed. Dak il-ħsieb jibqa’ miegħi ta’ kuljum għaliex il-waqt li nieqfu naspiraw li nagħmlu aħjar, nistaġnaw”, sostna Dr Abela ma’ dan is-sit.

Insaqsuh liema kienu l-mumenti li jibqa’ jiftakar. Dlonk jgħid li hemm bosta iżda jsemmi deċiżjonijiet li jolqtu b’mod pożittiv lin-nies, il-futur tal-familji fis-settur soċjali, tal-housing, tad-diżabilità. Jgħid li l-laqgħat man-nies jgħinuh aktar minn kull ħaġa oħra biex jagħraf x’jista’ jsir għal kwalità tal-ħajja tan-nies. Hawn isemmi prijoritajiet oħra marbuta mal-isfida klimatika. “L-ambjent mhux biss l-ispazji miftuħa li qed inkomplu nżidu fil-komunitajiet tagħna. Huwa ippjanar aħjar, rħulha isbaħ bil-karatteristiċi tagħhom, il-kwalità tal-arja”, jirrimarka Dr Abela.

Mal-Prim Ministru ma nħarsux lura biss iżda nistaqsuh fuq x’hemm lest għal din is-sena li għadha kemm bdiet. “Aktar deċiżjonijiet, aktar bidliet, aktar sfidi diretti lejn l-istatus quo”jgħid il-Mexxej Laburista. Iżid, “Qatt ma nistgħu nieqfu ngħinu lin-nies”, hu u jirreferi għall-għajnuna kbira favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija fost oħrajn. Jisħaq li l-isfida tal-inflazzjoni tibqa’ sfida li tirrikjedi ħidma ffukata biex il-Gvern ikun hemm għal kulħadd, mhux inqas għal dawk l-aktar vulnerabbli u li jeħtieġu spalla fis-soċjetà tagħna. “L-investiment fin-nies u mhux l-awsterità. Ma nistgħux nitfgħu l-piżjiet fuq in-nies. Dak li jistennew minnha l-familji u n-negozji, li nagħtuhom stabbiltà u dak li tajna u se nibqgħu nagħtu”, sostna l-Prim Ministru.

Ma’ din il-gazzetta jsemmi wkoll aktar riformi li għandhom iseħħu. “Il-Partit Laburista jibqa’ jmexxi ’l quddiem politikaprogressiva u soċjali. Jagħmel dan mas-soċjetà kollha, minn kull qasam iżda mhux inqas maż-żgħażagħ li huma l-preżent u l-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Nimmeravilja ruħi nisma’mingħandhom x’jixtiequ għal din Malta tagħna” qal magħna l-Prim Ministru bl-akbar mandat b’saħħtu fl-istorja ta’ dan il-pajjiż.

Naturalment la qed nitkellmu fuq l-2024 semmejna l-għażliet li għandu quddiemu l-poplu f’testijiet elettorali. Jgħid li fuq kull livell, jekk hux fl-istituzzjonijiet Ewropej u anki fil-komunitajiet tagħna irridu nsostnu għajta waħda: Malta l-ewwel u qabel kollox. Jisħaq li l-attiviżmu ta’ kulħadd ta’rieda tajba jimlih b’aktar enerġija biex jaħdem favur Malta u l-paċi, aspett ieħor li Abela qed iħalli timbru fuqu f’kuntest ta’tensjonijiet ġeo-politiċi. “Pajjiżna dejjem kien vuċi b’saħħitha u kredibbli għall-paċi, l-ingredjent li ma tistax tgħaddi minnu jekk trid il-ġid u l-prosperità għall-familji”, itemm jgħid magħna l-Prim Ministru Abela.

Ekonomija

Sport