Fl-aħħar sigħat it-truppi ta’ Sri Lanka bdew iqassmu biljetti tar-razzjon lill-mijiet ta’ persuni li kienu jinsabu fi kju twil biex jagħtu l-fjuwil lill-vettura tagħhom. Dan hekk kif il-pajjiż qiegħed jinħakem minn kriżi ekonomika kbira tant li m’għandux flus biex jimporta l-fjuwil. Apparti hekk, biex jiġi ffrankat il-fjuwil tat-trasport, l-iskejjel ġewwa l-belt ta’ Colombo ġew magħluqa filwaqt li ħaddiema tas-settur pubbliku ġew mitluba biex jaħdmu mid-dar.
Ir-riserva ta’ muniti barranin ġewwa s-Sri Lanka tinsab fl-livelli baxxi ħafna tant li m’hemmx biżżejjed flus għal importazzjoni ta’ provvisti essenzjali bħal ikel, mediċina u fjuwil. Is-sitwazzjoni tant hija prekarja li persuna li tkellem mal-midja qal li kien ilu erbat ijiem fil-kju biex jistenna li jingħata l-fjuwil. Dan l-individwu qal li hu ma jistax imur lura d-dar qabel jingħata l-fjuwil hekk kif m’għandux biżżejjed għall-vjaġġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Fond Monetarju Internazzjonali beda żjara ġewwa Sri Lanka fejn hemm se jsiru diskussjonijiet dwar pakkett ta’ għajnuna ta’ $3 biljun.