Saturday, December 21, 2024

Skema ġdida ta’ investiment f’tagħmir li jinkera f’niċċa ta’ turiżmu avventuruż

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li fi-qasam tat-turiżmu se titnieda skema ġdida relatata ma’ investimenti f’tagħmir li jinkera f’niċċa ta’ turiżmu avventuruż. Minn din l-iskema se jibbenefikaw numru ta’ operaturi f’Għawdex u eleġibbli għar-rimborż se jkun hemm it-tagħmir tal-għadis, roti u kayaks fost l-oħrajn. 

Barra minn hekk, il-masterplan dwar l-għadis li kien imħejji snin ilu, se jkun aġġornat u mġedded biex ikun jirrifletti l-bżonnijiet preżenti u futuri ta’ dan id-delizzju u niċċa turistika. 

Dwar il-qgħad, il-Ministru għal Għawdex spjega li din is-sena f’Għawdex ġiet irreġistrata l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Qal li fl-2020 in-numru ta’ nies jaħdmu f’Għawdex laħaq rekord ta’ 14,313. Dan ifisser żieda ta’ 530 persuna fuq l-2019. Minn dawn 434 kienu full-timers mas-settur privat. 

Qal ukoll li komplew jitniedu skemi ta’ għajnuna finanzjarja li jinċentivaw impjiegi stabbli u sostenibbli. Qal li l-Gozo Employment Refund Scheme u l-Gozo Back Office Employment Refund Scheme huma skemi li b’kollox sa issa raw ‘il fuq minn 500 applikazzjoni fl-aħħar sentejn u nofs. Dawn l-iskemi se jiġu estiżi għas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Camilleri żied li: “komplejna wkoll bi programm ambizzjuż bl-investiment fl-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni tal-pjazez u l-bajjiet, it-titjib tal-faċiltajiet, l-immodernizzar fl-infrastruttura rurali u residenzjali u l-konnettività ta’ Għawdex mal-bqija tad-dinja.

“Sal-aħħar tas-sena mistennija tinfetaħ mill-ġdid it-triq prinċipali li tgħaqqad in-Nadur mal-Port tal-Imġarr. Fl-2022 se nibdew ir-restawr tal-fdailjiet tal-akwadotti li jinsabu fil-konfini tar-Rabat,” spjega l-Ministru Camilleri.

Proġett ieħor ikkordinat mill-Ministeru ta’ Għawdex huwa l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ proprjetà għal Qorti ġdida f’Għawdex. Il-Ministru Camilleri qal li “bħalissa qiegħda tiġi abbozzata l-espressjoni ta’ interess flimkien mal-aġenzija responsabbli mill-Qorti biex tinstab proprjetà adekwata biex tospita din il-faċilità f’Għawdex. Din l-espressjoni ta’ interess mistennija tiġi ppubblikata fix-xhur li ġejjin.”

Finalment, huwa għamel referenza għal proġetti oħra li qed isiru fosthom iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat, Għawdex u t-tkomplija tax-xogħlijiet fuq il-Mużew ta’ Għawdex.

Ekonomija

Sport