Thursday, March 28, 2024

Titnieda politika nazzjonali għall-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar ta’ karozzi elettriċi

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ritratti: Alan Saliba

Tnediet il-politika nazzjonali għall-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar ta’ karozzi elettriċi, liema politika għandha l-għan li twitti t-triq għal trasport aktar nadif fit-toroq tagħna. Ġie mniedi wkoll abbozz ta’ regolamenti.

It-temperaturi għoljin, kundizzjonijiet ta’ temp estremi, għargħar u nixfa huma riżultat tat-tibdil fil-klima. Fost il-miżuri biex ikun miitigat it-tibdil fil-klima Malta qed tħares lejn il-qabża tal-użu tal-vetturi elettriċi. Huwa proprju għal din ir-raġuni li qed tiġi varata l-politika nazzjonali dwar l-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miiriam Dalli qalet li din wara kollox hija tranżizzjoni li tirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ diversi organizzazzjonijiet u diversi individwi. Il-Ministru Dalli qalet li t-tranżizzjoni lejn trasport li ma jniġġiżx hija parti importanti ħafna fil-mixja ta’ dan il-pajjiż lejn ekonomija li ma tħammiġx. Innotat kif diversi produtturi ta’ karozzi qed joħorġu diversi mudelli li huma zero emission vehicles b’teknoloġija li primarjament hija ibbażata fuq vetturi elettriċi li jaħdmu bil-batterija. 

Il-Ministru Dalli qalet li l-bidla qed narawha sseħħ f’pajjiżna wkoll. Illum mit-total ta’ karozzi fit-toroq tagħna hemm 2,807 li huma vetturi elettriċi u 1,162 vettura oħra li huma plug-in hybrids.

Il-Ministru Dalli qalet li temmen li dan għadu biss il-bidu u għalhekk li qed jieħdu l-opportunità fiż-żmien meta s-suq għadu fil-bidu nett tiegħu. Għal din ir-raġuni, hija qalet li bħala Gvern riedu jimplimentaw il-viżjoni tagħhom biex iħejju u jipproponu qafas b’saħħtu biex ikunu qed iħejju bażi soda u jkomplu jibnu fuqha. Qalet li permezz ta’ din l-istrateġija, pajjiżna huwa fost il-pajjiżi minn ta’ quddiem fl-Unjoni Ewropea fejn qed iniedu regoli u politika qabel ma’ dawn ikunu mandatorjii minn xi direttiva. 

Għall-ewwel darba qed tiġi mnedija l-politika nazzjonali dwar infrastruttura ta’ charging pillars f’pajjiżna

Il-Ministru Dalli qalet li għalhekk għall-ewwel darba qed iniedu l-politika nazzjonali dwar infrastruttura ta’ charging pillars f’pajjiżna li se tkun qed toffri framework ċar biex l-investituri li jixtiequ jinvestu f’dan is-settur ikunu jafu eżatt fejn sejjer il-pajjiż.

Fost l-oħrajn, il-Ministru Dalli spjegat li raw li jipproponu miżuri li jassiguraw li l-pubbliku kollu jkun moqdi tajjeb biex jiġi evitat li xi operatur jew ieħor jokkupa xi żona li tinteressah mingħajr ma jara li jkunu qed jinqdew il-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

Spjegat li ġew imħejjija regolamenti li jassiguraw trasparenza sħiħa f’dawk li huma tariffi pubbliċi għall-iċċarġjar. Fil-fatt, il-Ministru Dalli qalet li fil-proposti qed jesigu li operaturi privati jindikaw bl-eżatt kull komponent tal-prezz ta’ kull unit. 

Il-Ministru Dalli qalet li qed iniedu wkoll regolamenti ġodda dwar l-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi u qalet li dawn iż-żewġ dokumenti se jkunu miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika mil-25 ta’ Awwissu sal-aħħar ta’ Settembru.  Il-politika nazzjonali qed tiffoka fuq żewġ tipi ta’ infrastruttura: dik plug-in u wired.

Fost il-punti prinċipali tal-policy paper hemm dik li l-gvern għandu viżjoni li jagħti opportunità ugwali lis-suq privat u għalhekk din il-policy qed toffri dan. Permezz tas-suq kompetittiv, importanti li l-policy paper qed taċċenna armonija fis-sistema ta’ ħlas biex ikun faċli għall-konsumaturi differenti li jkunu jistgħu jutilizzaw operaturi differenti.

Il-Ministru Dalli qalet li din il-policy u r-regoli li qed iniedu jassiguraw li kwalunkwe sfida li tista’ teżisti, tkun indirizzata b’mod strateġiku permezz ta’ pjan proattiv li jħares ‘il quddiem. Żiedet tgħid li biex imexxu ‘l quddiem din l-istrateġija, se jkun qed jitwaqqaf kumitat magħmul minn stakeholders varji b’rappreżentanti minn entitajiet governattivi u anke rappreżentanti tal-kunsilli lokali li se jkunu jistgħu jigwidaw aħjar lis-settur privat li jkun interesat li jidħol f’din l-industrija li bla dubju se tkun qed tikber. 

Il-pubbliku se jkun jista’ jara dawn id-dokumenti fuq is-sit konsultazzjoni.gov.mt

Waqt il-konferenza, tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella fejn qal li bħala Enemalta huma konxji dwar ir-responsabiltà  lejn ambjent u sostenibiltà anke għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għaldaqstant, l-Enemalta trid tkun parti mill-proġett ambizzjuż fl-isfond tal-miri tal-UE biex sas-sena 2050 tkun carbon neutral.

Vella qal: “Dan il-proġett li qed jiġi varat illum huwa pass wieħed li qed isir biex jintlaħqu dawn il-miri importanti mhux biss għall-ambjent imma wkoll għal saħħitna. Bħala kumpanija responsabbli għall-enerġija f’Malta u Għawdex, l-Enemalta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tħaddan l-innovazzjonijiet teknoloġiċi biex l-operat tagħha jkollu l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent.”

Żied jgħid li l-industrija tal-karozzi għaddejja minn dik li tista’ titqies bħala rivoluzzjoni li ftit snin oħra se twassal biex il-karozzi ġodda jkunu jaħdmu bl-elettriku minflok bil-fjuwil konvenzjonali. Bit-tariffi preferenzjali li stabbilixxa r-regolatur, l-Enemalta se tkompli żżid il-vantaġġ finanzjarju b’mod li jkun jaqbillek iżjed li jkollok karozza elettrika flok waħda li taħdem bid-dieżel jew petrol. 

Żewġ kategorirji ta’ tariffi

Ġie spjegat li hemm żewġ kategoriji ta’ tariffi: l-ewwel waħda tapplika għall-bini residenzjali u t-tieni kategorija tapplika għal postijiet oħra bħal parkeġġi u postijiet simili. Fl-ewwel każ, biex tapplika tista’ tagħżel jew single phase meter bi prezz ta’ €50 li jitħallas darba u €4 fix-xahar. Għat-three phase hemm prezz ta’ €80 li jitħallas darba u €6 fix-xahar.

It-tarriffi ffukati għal dawk ir-residenzi privati, li jixtiequ jistallaw charging point fil-garage tagħhom, qed tiġi offruta tariffa fl-off peak ta’ ftit inqas minn €0.13 għal kull unit li jikkonsma. Barra minn hekk dak li jkun irid jiċċarġja l-karozza fil-ħinijiet off peak, il-persuna mhux se tkun qed taffettwa l-kont tad-dar u lanqas mhu se jkun qed jitlef benefiċċju bħalma huwa l-eco reduction. Wieħed jista’ jibbenefika minn din it-tariffa vantaġġjuża waqt il-ħinijiet ‘off peak’ li huma kuljum bejn 12.00a.m. u s-6.00a.m. u bejn 12.00p.m. u l-4.00p.m. u fil-ħinijiet kollha tal-Ħadd. Dan ifisser 84 siegħa fil-ġimgħa bit-tariffa vantaġġjuża.

Il-Ministru Dalli qalet li t-tieni tariffa hija biex isir charging barra mid-dar u dan jinkludi charging f’infrastruttura pubblika fejn tnedew żewġ tariffi ġodda: it-tariffa fis-sigħat ikkunsidrati bħala ‘peak’ ta’ ftit inqas minn €0.15 u t-tariffa għal dawk il-ħinijiet ‘off peak’ ta’ ftit inqas minn €0.13.

Ekonomija

Sport